L-Importanza li nitlaqqmu kontra l-Influwenza
E-Health Magazine
Issa li beda l-istaġun tal-ħarifa ikun għaqli li nibdew nitħejjew biex nieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra l-prevenzjoni ta’ mard li huwa prevalenti l-iktar fix-xhur tax-xitwa. L-istaġun skolastiku sfortunatament ukoll iġib miegħu ċertu mard li jista` jiġi evitat faċilment billi nedukaw aktar dwar l-importanza li naħslu jdejna spiss, ngħattu imnifsejna u ħalqna meta ngħattsu u nisgħolu, u nieklu ikel aktar varjat fil-vitamini li jiproteguna. Pero` illum ħa niffukaw speċifikament fuq l-influwenza għax nafu kemm għad hawn idejat żbaljati dwarha.
X’inhi l-Influwenza?
L-influwenza hija marda kkawżata minn vajrus li jinfetta s-sistema respiratorja tal-bniedem. Dan jikkawża sintomi ta’ deni, uġiegħ ġenerali mal-ġisem u katarru f’medda ta’ jumejn, u saħansitra jista` jwassal għal bżonn ta’ kura medika l-isptar. F’ċertu nies li speċjalment huma iktar vulnerabbli, l-influwenza tista` tiswielhom ħajjithom u għalhekk tajjeb li wieħed jagħraf l-importanza li jitlaqqam kontriha.
Min huma n-nies l-aktar vulnerabbli?
L-iktar nies vulnerabbli huma t-tfal, l-anzjani, u dawk li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi respiratorji, bħalma hija l-ażżma u l-emfisema, u anke dawk li jbatu minn kundizzjonijiet tal-qalb, bħall-anġina u qalb għajjiena, kif ukol dawk li jbatu minn mard tal-kliewi u fwied. F’dawn is-settur ta’nies l-influwenza tista` tikkomplika ruħha iktar u għaldaqstant ikollha konsegwenzi serji. Ghalhekk l-awtoritajiet tas-saħħa joffru lil dawn is-setturi ta’ nies li jitlaqqmu kontra l-influwenza bla ħlas fil-polikliniċi ewlenin. Madanakollu kulħadd għandu jitlaqqam kontra l-influwenza għax din xorta tista` taħkem lil kwalunkwe bniedem u b’hekk innaqqsu it-tixrid tagħha.
Għalfejn wieħed għandu jitlaqqam kull sena kontra l-influwenza?
Il-vajrus tal-influwenza huwa dinamiku għax minn sena għall-oħra jgħaddi minn mutazzjoni, jiġifieri tibdil fil-forma tiegħu. Għalhekk is-sistema immunitarja tagħna mhux dejjem tkun tista` tikkumbattih. Per eżempju, l-ġidri r-riħ huwa vajrus li darba biss jolqotna jew nitlaqqmu kontrih, għax dan it-tip ta’ vajrus ma jgħaddix minn tibdil fil-qafas tiegħu. Għalhekk il-ġisem tagħna, permezz tal-produzzjoni tal-antikorpi (‘antibodies’) kapaċi jagħraf il-vajrus u jilqa` kontra l-ġidri. Pero`fil-każ tal-influwenza dan m’huwiex possibli minħabba l-mutazzjoni. Għalhekk l-esperti fil-qasam tal-mikrobijologija jippruvaw ibassru t-tip ta’ tibdil li l-vajrus ikun ħa jagħmel minn sena għal oħra, biex joħolqu vaċċin għal kontra l-mewġa ta’ influwenza li taħkem fi staġun partikolari.
It-tilqima tajba ghal kulħadd, jew hemm xi settur ta’ nies li ma jistgħux jibbenefikaw minnha?
Normalment kontra-indikazzjoni għall-vaċċin tal-influwenza hija jekk wieħed għandu allerġija għall-bajd minħabba li s-sinteżi tal-vaċċin tinvolvi l-ovalbumina; sustanza li tinstab fil-bajd. Pero` mal-medda taż-żmien din saret iktar prekawzjoni peress li illum esperti qed jippurifikaw il-vaċċin biex din kemm jista` jkun ma tkun ta` riskju għal ħadd. Il-vaċċin toffri wkoll protezzjoni lil nisa tqal fejn it-tarbija tgawdi mill-benefiċċju tat-tilqima sal-ewwel sitt xhur ta` ħajjitha. Dawk in-nies li jinsabu f’xi kundizzjoni ta`saħħa delikata għandhom dejjem ikellmu lit-tabib biex jiġu evalwati l-benefiċċji tal-vaċċin f’dawk iċ-ċirkustanzi partikolari.
Meta huwa l-aħjar żmien li wieħed jitlaqqam?
Għall-kuntrarju ta’ diversi pajjiżi fit-tramuntana tal-Ewropa, l-aħjar żmien li wieħed jitlaqqam hawn Malta huwa matul ix-xahar ta’ Novembru. Dan għaliex, kif jgħid il-qawl Malti sal-Milied la bard u lanqas ksieħ. It-temp jiffriska l-iktar hawn Malta għall-ħabta ta’ Jannar, u normalment l-arja friska tibqa` tippersisti anke sa Mejju. It-tilqima tieħu madwar ġimagħtejn biex tibda toffri l-protezzjoni tagħha, u l-effett tagħha jippersisti għal madwar sitt xhur, għalhekk jekk din tingħata f’Novembru wieħed ikun kopert fl-iktar xhur riskjużi.
Hawn min jgħid li ma jiħux il-vaċċin tal-influwenza għax jibża` li jimrad biha stess. Huwa veru dan?
Din hija ideja żbaljata. It-tilqima qatt ma tista` tikkawża li wieħed jimrad bl-influwenza. Effetti mhux mixtieqa jinkludu xi ftit infjammazzjoni fejn tkun ittieħdet it-tilqima, u forsi xi naqra deni u uġiegħ ġenerali li normalment ibattu fi ftit jiem. Min isostni li marad xi ġimgħa jew xahar wara li jkun tlaqqam, ħafna drabi ikun ħa xi riħ, jew xi kondizzjoni oħra bħal sinusite. Tajjeb ukoll li ngħidu li l-vaċċin tal-influwenza qed tipreveni kontra l-influwenza biss. Hawn mard ieħor respiratorju li jista` jaffettwa l-pulmun fosthom il-bronkite u l-pnewmonja.
X’tirrikmandaw lill-qarrejja li jagħmlu fil-konfront tal-influwenza?
Wieħed dejjem għandu jsegwi dieta tajba, jagħmel eżerċizzju fiżiku, u jieħu ħsieb l-iġene personali għax dawn huma kollha fatturi li jilqgħu kontra l-mard fosthom l-influwenza. Nirrikmandaw li kemm jista` jkun kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza, ħalli nnaqqsu t-tixrid tagħha, l-influss ta’ kura medika fl-isptarijiet u saħansitra insalvaw il-ħajjiet.